Raġel qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li ieħor inżamm arrestat wara argument li seħħ f’Birkirkara.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tad-disgħ a u kwart ta’ filgħodu meta waqt li l-Pulizija tad-Distrett kienu għaddejjin minn Triq Santu Rokku, Birkirkara, innutaw argument bejn żewġ persuni, fejn wieħed minnhom deher li kellu xi ġrieħi.
Il-Pulizija żammew lill-persuni, filwaqt li sejħu għall-assistanza tar-Rapid Intervention Unit. Il-persuni involuti ġew identifikati bħala Libjan ta’ 36 sena, residenti San Pawl il-Baħar u raġel mill-Mali ta’ 25 sena, residenti r-Rabat.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-Libjan l-Isptar Mater Dei għall-kura, wara li dan kien allegatament qala’ daqqiet ta’ ponn u daqqiet b’ħadida waqt l-argument.
Huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li r-raġel mill-Mali qed jinżamm mill-Pulizija sabiex jassisti fl-investigazzjoni li għadha għaddejja.