Raġel u mara wieġbu mhux ħatja għal akkużi ta’ vjolenza domestika.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija rċievew rapport minn mara, li waqt li kienet fir-residenza tagħha, allegatament ħebbew għaliha binha u t-tfajla tiegħu.
Intqal kif huma allegatament tawha daqqiet f’rasha fost l-oħrajn, u li l-mara kienet imbeżża’ toqgħod f’darha.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni. Hawn ġie spjegat li dan ma kienx l-ewwel rapport fuq l-imputati filwaqt li għad fadal xhieda li jridu jixhdu. Intqal ukoll li l-imputati jgħixu mal-allegata vittma.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella laqgħat it-talba għall-ħelsien mill-arrest fil-konfront tal-mara, filwaqt li żammet lir-raġel taħt arrest hekk kif l-unika indirizz fiss li għandu huwa fid-dar ta’ ommu.
Il-Qorti ordnat li l-mara ma tavviċina bl-ebda mod lill-allegat vittma u tħallas garanzija personali ta’ ħamest elef ewro.
Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tal-allegat vittma.
Hekk kif spiċċat is-seduta l-imputat deher emozzjonat u beda jgħajjat m’ommu fl-awla, tant li kien hemm bżonn assistenza sabiex jinżamm il-kontroll fl-awla.