Żagħżugħ ta’ 22 sena minn Birkirkara nstab f’għadira demm f’dar fi Triq Tumas Galea f’Birkirkara wara li allegatament qala’ daqqiet b’arma li taqta’ u bil-ponta waqt argument ma’ raġel ta’ 34 sena minn San Ġiljan.
Mill-ewwel stħarriġ jidher li kien hemm argument bejn żewġ persuni li skond sorsi huma ħbieb, u li dam għaddej għal ftit tal-minuti, fuq il-post instabu wkoll turnavit u mqass.
Jidher li dan l-argument seħħ għall-ħabta tas-13:00, wara li wieħed minn dawn l-irġiel mar fid-dar ta’ sieħbu u bdew jitlewmu.
Ir-raġel minn San Ġiljan ġie arrestat fuq il-post, dan għax hu mifhum li hu l-agressur f’dan l-argument.
Sorsi qalu li s-suspettat ipprova jaħrab minn fuq il-post billi qabeż għal bitħa ta’ residenza li tinsab biswit ir-residenza tal-vittma.
ONE News huwa nfurmat li kien f’dan il-ħin li kien hemm kommossjoni kbira fl-inħawi, bil-Pulizija jintervjenu mall-ewwel u jiġru wara l-agressur.
L-aggressur deher jiġi mmanetjat mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u jiddaħħal f’ambulanza li ħaditu l-Isptar Mater Dei.
Il-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei ftit tal-ħin qabel fejn jidher li ġarrab ġrieħi f’imnieħru fost oħrajn. L-aggressur qed jinżamm l-Isptar għall-osservazzjoni.
L-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ qed jitmexxu mill-Ispetturi Elton Taliana u Christina Delia flimkien mal-Pulizija tal-Għassa ta’ Birkirkara.