Manuel Barbara, ta’ tlieta u ħamsin sena minn Birżebbuġa, baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li kisser il-bieb ta’ barra ta’ membru tal-familja, wara argument li fih allegatament intużat sikkina.
Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi, ir-raġel ġie akkużat li matul il-lejl tal-Erbgħa, wettaq ħsara fuq bieb ta’ residenza f’Birżebbuġa. Huwa kien akkużat ukoll b’dannu kriminali u li hedded b’sikkina lis-sid tar-residenza.
Fil-Qorti ġie spjegat li l-inċident seħħ wara argument li nqala’ waqt attività familjari t-Tlieta filgħaxija, li warajha, l-akkużat mar fir-residenza inkwistjoni wara li l-persuni kollha, inkluż il-vittma, telqu lejn id-dar.
Il-Pulizija marru fuq il-post wara li daħlet telefonata dwar persuna li faqgħet bieb ta’ residenza.
L-akkużat instab fil-viċinanzi, fejn ġie arrestat wara li nstab b’sikkina f’idu, u sikkina oħra fil-but.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest, wara li argumentat li l-akkużat u l-allegata vittma jgħixu fl-istess lokalità, u hemm ir-riskju li jseħħ inċident ieħor.