Raġel ta’ 31 sena li jgħix Ħal Balzan ġie arrestat b’rabta ma’ kultivazzjoni illegali ta’ pjanti tal-kannabis.
Fi stqarrija mill-Pulizija ntqal li wara ġranet ta’ investigazzjonijiet u sorveljanza mill-Pulizija fuq garaxx fiż-Żurrieq, il-Pulizija wettqet rejd u nstab apparat apposta għall-kultivazzjoni u aktar minn 40 pjanta tal-kannabis ta’ kull daqs.
Minbarra l-pjanti, il-Pulizija sabet ukoll diversi oġġetti oħra relatati mal-kultivazzjoni illegali tal-kannabis.
Il-Maġistrat Ian Farrugia kien infurmat bis-sejba u ħatar inkjesta.
Filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti dalgħodu għall-ħabta tal-ħdax quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco.
