Raġel ta’ 47 sena residenti Tal-Pieta’ ġie arrestat wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li allegatament kien se jsir negozju tad-droga fl-istess lokalità.
Ilbieraħ, għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-Pulizija ċċirkondat ir-residenza tar-raġel, iżda malli nduna bil-Pulizija pprova jaħrab u saħansitra deher jarmi xi oġġetti fit-triq. Ir-raġel ġie arrestat u f’baskett li kien qiegħed iġorr, instabet madwar kilo sustanza suspettata kokaina, kif ukoll ammont żgħir ta’ sustanza allegatament eroina.
Mill-investigazzjonijiet illi saru jirriżulta li d-droga misjuba, kieku laħqet inbiegħet fis-suq kienet tlaħħaq madwar €60,000.
Aktar tfittxijiet saru fir-residenza tiegħu fejn instabu diversi oġġetti relatati mat-traffikar taddroga u ammont ta’ flus kontanti.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia LL.D li qiegħed imexxi inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti llum, għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar, quddiem il-Maġistra tal-Għassa Dr Leonard Caruana LL.D.