Raġel ta’ wieħed u tletin sena qed jaffaċċja akkużi ta’ qtil b’rabta ma’ każ fejn tifla nstabet mejta f’barmil fil-bushland tal-Awstralja.
Huwa mifhum li l-vittma hija tifla ta’ disa’ snin li ġiet irrappurtata nieqsa l-ġimgħa l-oħra minn ġo residenza fi Blue Mountains viċin Sydney.
L-għajbien tagħha wassal għal tfittxija kbira li ntemmet it-Tlieta meta l-uffiċjali sabu l-ġisem bla ħajja tat-tifla ħdejn xmara.
Ir-raġel ġie arrestat f’appartament f’Sydney.
Huwa tressaq il-Qorti l-Erbgħa u ma talabx għall-ħelsien mill-arrest. Il-każ ikompli f’Marzu.
It-tifla, li ma tistax tiġi identifikata minħabba raġunijiet legali, kienet fuq btala m’ommha meta sparixxiet il-Ħamis u ġiet irrappurtata nieqsa l-għada filgħodu.