Raġel ta’ 34 sena mill-Għarb kien arrestat wara jiem ta’ osservazzjoni u investigazzjoni b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-Ġimgħa filgħodu, ir-raġel deher ħiereġ mir-residenza tiegħu fl-Għarb fejn saq lejn il-Qala u hemmhekk deher dieħel f’residenza oħra. Wara xi ħin hemmhekk, ir-raġel ħareġ u saq lejn ir-Rabat.
Kien hawn, li l-Pulizija, għall-ħabta tal-11:30 ta’ filgħodu ċċirkondaw il-karozza fi Pjazza tat-Tokk. Fi tfittxija li saret fil-vettura l-Pulizija sabu basket żgħir u fih kien hemm sustanza bajda suspettata droga kokaina.
It-tfittxijiet mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mis-Sezzjoni tal-Klieb, issoktaw fir-residenza tar-raġel fl-Għarb, kif ukoll fil-post fejn ir-raġel daħal fil-Qala. F’dawn it-tfittxijiet instabu sustanzi suspettati kokaina u eroina.
Ir-raġel qed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat illi ġejjin.