Pulizija f’Għawdex arrestaw raġel ta’ 30 sena mix-Xagħra wara li nstab fil-pussess ta’ 300 gramma ta’ kokaina, b’valur tas-suq ta’ aktar minn €30,000.
L-arrest seħħ ilbieraħ wara nofsinhar fi Triq ix-Xatt, Għajnsielem, wara li l-pulizija nnutaw l-imġiba suspettuża tar-raġel, li kien għadu kif niżel minn vapur fil-Port tal-Imġarr. Wara tfittxija fuqu, instab pakkett ta’ sustanza suspettata kokaina f’pouch marbut ma’ qaddu.
Ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fir-Rabat, Għawdex. Il-Maġistrat Dr Brigitte Sultana LL.D fetħet inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-akkużat tressaq il-Qorti t’Għawdex quddiem il-Maġistrat Dr Simone Grech LL.D. Minkejja li wieġeb mhux ħati, baqa’ taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.