Raġel ta’ 49 sena ġie arrestat wara azzjoni immedjata mill-Pulizija matul il-lejl li għadda wara li allegatament kien għadu kif wettaq sensiela ta’ serqiet minn vetturi.
Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li fi Sqaq il-Laqx, in-Naxxar kien hemm raġel suspettuż li deher qed jisgassa karozza.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u bdiet bl-investigazzjonijiet neċessarji, fejn irriżulta li fl-akwati kien hemm żewġ karozzi li minnhom insterqu xi affarijiet.
Minnufih il-Pulizija bdiet b’rondi fil-madwar, li wasslu biex l-allegat ħalliel jiġi arrestat madwar ħmistax-il minuta biss wara f’Ħal Għargħur.
Minn tfittxija li saret fuq l-akkużat nstabu l-affarijiet irrappurtati misruqa.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwarteri Ġenerali, il-Furjana, fejn mill-investigazzjonijiet li saru mhux eskluż li s-suspettat wettaq serqiet oħra simili.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.