Żagħżugħ ta’ ħamsa u għoxrin sena mill-Pietà ġie arrestat b’rabta ma’ żewġ serqiet u aggressjoni fuq persuna oħra wara investigazzjonijiet mill-Pulizija.
L-ewwel każ seħħ is-Sibt, meta raġel ta’ tlieta u ħamsin sena sofra ġrieħi gravi wara li ġie aggredit u nsterqulu affarijiet tiegħu waqt li kien fil-Furjana.
Intant ilbieraħ, mara ta’ tlieta u sittin sena mill-Pietà, irrapportat li ġiet aggredita minn raġel li wadbilha flixkun tal-ħġieġ imkisser lejha u laqatha. L-aggressur ħarab minn fuq il-post u l-mara marret iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana għall-kura fejn ġiet iċċertifikata bi ġrieħi gravi.
Madwar nofsiegħa wara, raġel ta’ disgħa u ħamsin sena rrapporta li kien għadu kemm ġie aggredit u misruq waqt li kien fl-akwati ta’ Blata l-Bajda. L-allegat aggressur seraq affarijiet personali u ħarab minn fuq il-post.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-aggressur kien l-istess fit-tliet każijiet u wara li ġew analizzati filmati minn kameras tas-sigurtà, huwa ġie identifikat bħala l-aggressur u arrestat ilbieraħ filgħaxija fil-Ħamrun.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tad-Depot.