Raġel ta’ erbgħin sena li allegatament wettaq mill-inqas sitt serqiet, fosthom fuq anzjani, ġie arrestat wara jiem ta’ investigazzjonijiet mill-Pulizija.
Il-pulizija qalet li r-raġel kien imur iħabbat f’residenzi fejn jgħixu l-anzjani u jgħidilhom li kien qed jiġbor flus għall-missjoni jew li qed ibigħ biljetti tal-lotterija li jitilgħu mal-prima.
Imbagħad, kif l-anzjani jidħlu ġewwa biex jagħtuh il-flus, jisraqhom.
Irriżulta li r-raġel, li qabel mad-deskrizzjoni li ngħatat mill-vittmi, allegatament wettaq is-serqiet fl-aħħar xhur fil-Mosta, fl-Imġarr, f’Birkirkara u fil-Mellieħa.
L-investigazzjonijiet issuktaw u l-Pulizija identifikat lir-raġel il-Mellieħa fejn kien qed iħabbat fuq residenza u fetħet anzjana.
Huwa ġie arrestat u aktar tard saret tfittxija f’residenza f’Ħaż-Żabbar fejn instabu xi oġġetti relatati mal-każijiet ta’ serq.
F’kummenti fi stqarrija tal-Pulizija, l-Ispettur Lydon Zammit qal li l-Pulizija mhix teskludi li twettqu serqiet oħra simili li ma ġewx irrappurtati lill-Pulizija.
Huwa appella biex anzjani, li fl-aħħar ġimgħat esperjenzaw persuna tħabbat il-bieb biex tbigħhilhom xi biljetti u m’għamlux rapport lill-Pulizija, iċemplu fuq 119 jew jagħmlu rapport fl-eqreb għassa.