Uffiċjali tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit arrestaw raġel ftit mumenti biss wara li allegatament wettaq serqa f’Raħal Ġdid.
Il-każ seħħ illum għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar fi Triq Għajn Dwieli.
Hemmhekk, il-Pulizija sabu mara li qaltilhom li kienet għadha kif sfat vittma ta’ serqa minn żewġ persuni. Il-Pulizija bdew bit-tfittxijiet u ftit wara, fl-istess akkwati, lemħu raġel li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat.
Malli dan ra lill-Pulizija, ħarab jiġri, iżda ġie arrestat mill-ewwel. Mit-tfittxija li saret fuqu, instabu affarijiet u dokumenti tal-vittma.
Ir-raġel ittieħed l-Għassa ta’ Raħal Ġdid għal aktar investigazzjonijiet filwaqt li għaddejja tfittxija għall-persuna l-oħra involuta f’din is-serqa.