Sudaniż ta’ ħamsa u erbgħin sena li jgħix Birżebbuġa, ġie arrestat b’rabta ma’ attentat ta’ serqa u feriment li seħħ fil-Marsa.
Il-każ seħħ dalgħodu, għall-ħabta tal-ħdax u kwart meta l-Pulizija ġiet infurmata b’argument viċin il-Ġnien 6 ta’ Awwissu fil-Marsa.
Il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tal-Komunità tal-Marsa marru mill-ewwel fuq il-post, fejn sabu raġel ferut. Għalhekk intalbet l-assistenza medika u l-vittma ttieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura.
Minn stħarriġ li sar mill-Pulizija tad-Distrett irriżulta li raġel allegatament ipprova jisraq minn fuq il-vittma. Il-vittma, li ġie identifikat bħala Niġerjan ta’ 31 sena li jgħix l-Imsida, irreżista u l-aggressur allegatament tah daqqa ta’ mus f’idu u ħarab. Aktar tard, in-Niġerjan ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
Il-Pulizija tar-RIU bdew mill-ewwel bit-tfittxija u fi ftit ħin waslu għall-arrest tal-aggressur. Minn tfittxija li saret fuqu nstabu żewġ armi li jaqtgħu u bil-ponta.