Raġel ta’ 42 sena ġie arrestat b’rabta ma’ pussess tad-droga kannabis u kokaina, dan wara ħidma mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mid-Dipartiment tad-Dwana.
Wara investigazzjoni intensiva, ir-raġel ġie arrestat nhar il-Ġimgħa u minn tfittxija li saret, fuqu nstab madwar 9KG suspettata kannabis, liema droga kienet moħbija f’apparat elettroniku. Saret ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu, bil-pulizija ssib mal-150g sustanza bajda suspettata droga kokaina.
Il-valur fit-triq, li kieku d-droga kokaina nbiegħet kienet tlaħħaq d-€9,000 u l-kannabis kienet tlaħħaq l-€180,000.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella li ħatret inkjesta.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti illum, għall-ħabta tal-għaxra ta’ dalgħodu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.