Raġel ta’ 22 sena mill-Latvja ġie arrestat b’rabta ma’ importazzjoni ta’ droga, lbieraħ, wara investigazzjoni intensiva mill-Pulizija.
Ir-raġel twaqqaf hekk kif kien dieħel f’residenza f’Marsaskala. Tfittxija li saret fir-residenza wasslet għas-sejba ta’ 6 kilos allegatament ħaxixa tal-kannabis.
Il-Maġistrat tal-Għassa Natasha Galea Sciberras ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti llum fis-siegħa ta’ waranofsinhar.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.