Raġel ta’ wieħed u tletin sena mill-Mosta ġie arrestat b’rabta ma’ allegat qtil ta’ fjammingu, li hija tajra protetta.
Ir-rapport lill-Pulizija daħal ilbieraħ filgħodu għall-ħabta tad-disgħa, fejn intqal li fl-akkwati ta’ Qalet Marku fil-limiti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq fin-Naxxar, kien hemm raġel li spara fuq fjammingu.
Xi nies li kienu fl-inħawi qalu lill-Pulizija li raw raġel jispara lejn l-għasfur, li waqa’ fil-baħar. Qalulhom ukoll li l-istess raġel ġabru u telaq minn fuq il-post b’vettura,
Investigazzjonijiet li saru wasslu biex jiġi identifikat ir-raġel li allegatament spara fuq it-tajra.
Dalgħodu, il-Pulizija nnutaw il-vettura li telqet minn fuq il-post tar-reat ipparkjata fil-Mosta.
F’residenza fl-istess triq, ġie arrestat ir-raġel li qabel ukoll mad-deskrizzjoni li ngħataw tal-persuna li allegatament sparat fuq it-tajra.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI