Raġel ta’ 35 sena mill-Maċedonja, ġie arrestat b’rabta ma’ pussess aggravat ta’ droga kokaina.
Dan wara sorveljanza li wettqu l-Pulizija fl-akwati ta’ San Ġiljan, b’rabta ma’ dan il-każ, fejn is-suspettat intlemaħ fi Triq il-Wilġa, u ġie arrestat immedjatament.
Huwa ttieħed l-Għassa u minn tfittxija li saret fuqu nstabu madwar 62 qartas allegatament droga kokaina. Minn iżjed tfittxijiet li saru fir-residenza tiegħu f’San Pawl il-Baħar u fil-vettura tiegħu, ġew elevati iżjed oġġetti relatati mad-droga.
Ir-raġel huwa mistenni li jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi.