Operazzjoni mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, assistiti mill-Iskwadra tar-Rapid Intervention Unit, wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 41 sena li jgħix Birżebbuġa, b’rabta ma’ negozju t’armi tan-nar.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ waranofsinhar meta l-Pulizija rċiviet informazzjoni li f’Birżebbuġa kien se jsir negozju ta’ armi tan-nar. Iż-żewġ skwadri marru immedjatament fuq il-post fejn iċċirkondaw il-karozza li kienet qiegħda tinstaq mir-raġel u ġie arrestat.
Minn tfittxija li saret fil-vettura, instab basket li fih kien hemm pistola, li wkoll kienet ikkargata b’żewġ balal. Ir-raġel ittieħed l-lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana.
Huwa mistenni jitressaq il-Qorti taħt arrest illum, għall-ħabta tal-ħdax, quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Nadine Lia, b’akkużi relatati ma’ pussess ta’ arma tan-nar bla liċenzja, fost oħrajn.