Investigazzjonijiet konġunti bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla u tar-Rapid Intervention Unit wasslu sabiex ilbieraħ jinstab u jiġi arrestat raġel ta’ 33 sena li kien qed jiġi mfittex b’rabta ma’ feriment waqt ġlieda li seħħet aktar kmieni din is-sena.
Il-każ seħħ nhar is-17 ta’ Frar, 2022 fistabilliment fi Triq ix-Xatt, Wied il-Għajn. F’din il-ġlieda kien weġġa’ gravi raġel ta’ 29 sena, residenti Wied il-Għajn. L-allegat aggressur, ta’ nazzjonalità Serba, ħarab minn fuq il-post.
Wara investigazzjonijiet intensivi, ilbieraħ il-Pulizija waslitilha informazzjoni li l-persuna mfittxija kienet qiegħda fi stabbiliment fi Triq ix-Xatt, il-Gżira. Għaldaqstant, fuq il-post marru immedjatament tar-Rapid Intervention Unit u malli r-raġel induna bil-preżenza tagħhom ipprova jaħrab.
Madankollu, waqt li kien qiegħed jiġi arrestat beda jkun aggressiv fil-konfront tal-pulizija u anke rreżista l-arrest. Konsegwenza ta’ hekk, erba’ Pulizija sofrew xi ġrieħi u ngħataw l-assistenza medika fl-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.
Ir-raġel qed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.