Taħsbu li għadda ż-żmien meta l-gwardarobba tal-mara tkun tliet darbiet ikbar minn dik tar-raġel? Milli nistgħu ninnotaw, l-irġiel illum saru jagħtu każ id-dehra tagħhom daqs, jekk mhux aktar, minn-nisa.
L-ajru kull ma jmur dejjem jisħon. Għalhekk ġietna l-kurżità nistaqsu x’inhuma l-aktar trends li spikkaw fost il-kollezzjonijiet tal-irġiel għas-sajf li ġej.
Ludwig Saliba minn Kir Royal jemmen li se naraw dan li ġej:
– Qomos b’għonq stil Kuban bħal ma rajna fil-kollezzjoni ta’ Louis Vuitton u Umit Benan. Ma’ dan l-għonq tmur l-aktar, qagħda naqra wisa’ jew komda u bi kmiem qosra (xi kultant imxamrin stil ħamsinijiet) bi drapp fin u sottili.
– Qliezet wisgħin bħal ma dehru fil-kollezzjoni ta’ D&G, xi drabi bil-pjiegi u/jew imxamrin. Dawn huma ideali mal-qomos stil Kuban. Flimkien jagħtu dehra friska u komda, iżda ħwejjeġ wisgħin mhumiex l-aħjar għazla għal min irid jidher itwal.
– Qliezet bojod huma xi haġa tipika tas-sajf Mediterranju iżda dan is-sajf huma partikolarment moda, speċjalment fil-kollezzjoni ta’ Dior Homme u Calvin Klein. Mhux it-tip laxki tal-linen imma chinos jew denim. Milbusin ma’ xi qmis jew polo shirt f’kulur newtrali jagħtu dehra stil ‘Riviera chic’.
– Bħala kuluri, kull stagun ikun hemm għażla vasta imma dan is-sajf huwa l-aħdar li donnu spikka l-aktar. Mhux il-kulur favorit ta’ kull raġel iżda jista’ jintlibes f’għażla ta’ skali newtrali u oħrajn li aktar jispikkaw.
– Se naraw taħlita ta’ stili formali u każwali – is-sajf huwa assoċjat mal-vaganzi, festi, u ħruġ u għalhekk l-istili spiss ikunu anqas riġidi fil-mod ta’ kif il-ħwejjeg joqogħdu. Pero, kollezzjonijiet bħal ta’ Prada u Brioni, filwaqt li jżommu mal-aspett aktar formali tipiku tagħhom, għandhom ukoll irtokki ta’ stil rilassat, per eżempju fl-użu taż-żipp, materjali li jintużaw għall-ħwejjeg sportivi, u kif ukoll taħlita ta’ libsa u żraben tal-isport (dejjem f’materjali fini bħal suede) u sandlijiet.
– Xorts aktar qosra li jaslu sa kważi nofs il-koxxa, simili fit-tul għal dawk aktar sportivi. Għal dehra maskili il-qagħda għandha tkun wahda xi ftit laxka u milbusin ma’ qmis laxka mdaħħla gox-xorts. L-effett għandu jkun ta’ saqajn li jidru itwal, iżda dawn l-aktar li jixirqu huma lill-irġiel b’saqajn ftit immuskulati.
– Kalzetti u sandli milbusin flimkien. Mhux dak is-sandli minn materjal sintetiku imma wieħed ta’ kwalità magħmul mill-ġilda u kalzetti fini f’xi kulur li jaqbel mal-bqija tat-tibdila. Ċertament mhix dehra li tinżel tajjeb ma’ ħafna imma hija waħda li qed tiġi irrepetuta minn staġun għall-ieħor.
– Bħala leħja, din moda imqaxra iżda għadha xorta waħda popolari ħafna fost l-irgiel. Wieħed jista’ per eżempju jżommha qasira għal dehra li hi xorta waħda maskili u pulita.
Ovvjament dan ma jfissirx li stili oħra m’humiex moda. L-għazla hija vasta. Dawn huma biss xi stili komuni bejn ċertu kollezzjonijiet.