Raġel ġie arrestat wara li allegatament kaxkar mara minn xagħarha waqt li kien involut f’argument bejn tliet persuni f’Baħar iċ-Ċagħaq.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-8:30 ta’ dalgħodu fi triq ir-Ridott f’Baħar iċ-Ċagħaq meta, skont mezzi tax-xandir oħrajn, persuni fuq il-post ċemplu lill-Pulizija wara li allegatament raw raġel ikaxkar mara minn xagħarha. Intqal ukoll kif hekk kif il-mara bdiet tgħajjat, persuni li kienu fil-qrib raw x’kien qed jiġri u infurmaw lill-Pulizija.
Skont informazzjoni mill-Pulizija t-tliet persuni, li jafu lil xulxin, kellhom argument bejniethom bil-konsegwenza li mal-wasla tal-Pulizija fuq il-post arrestaw lill-wieħed miż-żewġt irġiel.
Il-Pulizija kkonfermat li t-tliet persuni ma kellhomx ix-xewqa li jressqu l-ebda akkużi kontra xulxin, b’hekk ir-raġel li ġie arrestat inħeles mill-arrest.