Etienne Farrugia, akkużat bit-traffikar ta’ għoxrin kilo kannabis u tliet kili eroina, inħeles bi pleġġ wara li dam ftit inqas minn xahrejn fil-kustodja tal-pulizija.
Farrugia kien aresstat f’Diċembru li għadda hekk kif pulizija mill-iskwadra ta’ kontra d-droga osservaw lir-raġel javviċina persuna u wara ħareġ mill-garaxx tieħgu b’borża kbira.
Il-pulizija għamlu tfittxija fil-karozza ta’ Etienne Farrugia, fejn sabu għoxrin kilo kannabis, filwaqt li indika kaxxa li kien fiha tliet kili eroina u sitt elef u ħames mija f’kontanti.
L-ispetturi Frank Tabone u Mark Anthony Mercieca mexxew il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonawx għall-pleġġ.
Il-Maġistrat Doreen Clarke laqgħet it-tabla tal-ħelsien mill-arrest bil-kundizzjoni li jiffirma l-ktieb tal-pleġġ kuljum fuq depożitu ta’ ħames elef ewro u garanzija personali ta’ għaxart elef ewro.
L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru għal Etienne Farrugia.