Raġel ta’ erbgħa u erbgħin sena baqa’ jinżamm arrestat wara li fil-Qorti ġie akkużat li stupra liż-żewġt itfal tas-sieħba tiegħu, li għandhom biss tmien snin u għaxar snin.
L-akkużat, li huwa Sirjan li jgħix Santa Luċija, jaħdem fil-ġibs u wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti ġie spjegat li kmieni lbieraħ filgħodu, il-missier bijoloġiku tat-tfal mar għand il-Pulizija wara li wliedu qalulu bl-abbuż.
L-Ispettur Joseph Busuttil spjega fl-awla li l-missier kien fi stat ta’ xokk meta qal lil bintu biex ma tbiddilx il-ħwejjeġ quddiemu u hi weġbitu li s-sieħeb il-ġdid t’ommha, messha u daħħlilha subgħajh fil-parti tagħha.
L-Ispettur kompla jispjega li meta kellmu lil oħtha ż-żgħira, din qaltilhom li esperjenzat affarijiet simili.
Huwa stqarr li meta tkellem mat-tfal fil-preżenza ta’ missierhom, dehru skomdi imma xorta qalu x’ġara. F’punt minnhom, il-missier infaqa’ jibki u ħareġ mill-kamra.
Meta l-Pulizija tkellmu mal-omm, ikkonfermat li t-tifla l-kbira qaltilha dwar l-abbuż ftit tal-ġimgħat ilu iżda m’emmnitiex.
Il-Pulizija tkellmu wkoll mal-akkużat li qal li ma jafx lit-tfal u talab biex jeżerċita d-dritt tiegħu biex ma jweġibx il-mistoqsijiet meta kien qed jiġi mistoqsi dwar dawn l-allegazzjonijiet.
F’dan l-istadju ma saret ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.