Raġel ta’ 46 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li abbuża sesswalment żewġ tfajliet ta’ 13 u 14-il sena u li kienu jgħixu fl-istess blokka ta’ appartamenti.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif l-allegati abbużi, li seħħew fi u qabel Frar tal-2019, ġew irrappurtati lill-awtoritajiet mill-Aġenzija Appoġġ, wara ittra anonima li rċevew.
Investigazzjonijiet mill-Pulizija wasslu biex jiġi stabbilit li l-akkużat allegatament ikkommetta atti sesswali fuq il-vittmi mingħajr il-kunsens tagħhom fosthom li messilhom sidirhom u l-partijiet privati tagħhom waqt li kienu mlebsin u li wkoll neża’ arwien quddiemom.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Intant l-avukati tal-imputat Matthew Xuereb u Jose Herrera argumentaw li l-arrest tal-imputat kien wieħed invalidu hekk kif ma ngħatax id-dettalji kollha li wasslu għall-arrest tiegħu. Madankollu l-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Darlene Grima sostniet li l-akkużat irrifjuta darbtejn li jikkonsulta ma’ avukat tal-għażla tiegħu qabel u waqt l-interrogazzjoni mill-Pulizija.
Wara li semgħet l-argumenti kollha, il-Maġistrat Rachel Montebello ddikjarat l-arrest bħala wieħed validu hekk kif kien ibbażat fuq mandat t’arrest iffirmat minn Maġistrat.
Minħabba l-biża’ ta’ intralċ tal-provi, il-Maġistrat Montebello ċaħdet ukoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest u b’hekk l-akkużat baqa’ jinżamm arrestat.