Raġel baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li weġġa’, insulta u hedded lis-sieħba tiegħu.
Huwa kien mixli wkoll b’fastidju u ksur tal-paċi pubblika.
L-allegat każ seħħ fid-dar tal-koppja f’Birkirkara jumejn ilu, u kien l-għada filgħodu meta l-mara ħarġet tixtri, li xi nies fil-ħanut raw il-feriti f’wiċċha u nfurmaw lill-Pulizija.
Uffiċjali marru fil-ħanut u l-mara ttieħdet l-isptar b’ambulanza. Sadanittant, ġie arrestat is-sieħeb tagħha.
Meta tressaq dalgħodu, ir-raġel ta’ ħamsa u tletin sena wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. L-avukat tiegħu qal li l-vittma weġġgħet lilha nnifisha meta waqgħet, u kien tort tagħha.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda għax il-vittma għad trid tixhed, u minħabba l-biża’ tal-intralċ tal-provi, apparti li n-natura tal-akkużi hija serja.
Għaldaqstant il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.