Raġel li aktar kmieni dan ix-xahar kien akkużat li ttraffika nofs kilo droga kokaine, inħeles mill-arrest.
Jesmond Gillard ta’ tmienja u ħamsin sena tressaq quddiem il-Qorti fil-ħmistax t’Awwissu flimkien ma’ Wayne Buttigieg ta’ wieħed u erbgħin sena wara li kienu ġew arrestati l-Belt grazzi għal informazzjoni li ngħatat lill-Pulizija.
L-akkużi taż-żewġt irġiel kienu iktar gravi minħabba l-fatt li ġew arrestati viċin post iffrekwentat miż-żgħażagħ.
Tfittxijiet li saru fuq l-irġiel wasslu għal sejba ta’ ħames mitt gramma droga kokaina u eluf ta’ ewro fi flus kontanti.
Il-valur fit-triq tal-kokaina huwa stmat li jlaħħaq is-sebgħa u għoxrin elf ewro.
L-irġiel, li wieġbu mhux ħatja għall-akkużi, talbu għall-ħelsien mill-arrest; liema talba kienet ġiet miċħuda.
Iżda f’digriet ta’ pleġġ li ngħata lbieraħ wara li ddaħħlet applikazzjoni separate fil-Qorti, Gillard inħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ ħamest elef u ħames mitt ewro u garanzija personali ta’ erbatax-il elf u ħames mitt ewro.
Huwa ġie ordnat jiffirma f’għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u ma jistax joħroġ mid-dar f’ċertu ħinijiet tal-ġurnata.
Id-deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest tal-akkużat l-ieħor tingħata aktar ’il quddiem peress li l-applikazzjoni l-Qorti daħlet wara dik ta’ Gillard.