Raġel ta’ 42 sena mill-Munxar, Għawdex, li, fl-2013 instab fil-pussess ta’ droga għat-traffikar, beda jiffaċċja ġuri, fejn il-Prosekuzzjoni qed titlob li, kemm-il darba jinstab ħati, jintbagħat għomru l-ħabs, flimkien ma’ multa.
Jonathan Roger Portelli, magħruf aħjar bħala “Lingi”, qed jiċħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Il-każ imur lura għal Mejju ta’ 12-il sena ilu meta l-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga waqqfet vettura li fiha kien hemm ċertu Joseph Grech. Fil-karozza nstabu xi żewġ grammi ta’ reżina tal-kannabis, waqt li, minn tfittxija fid-dar tiegħu, instabu iżjed minn 321 gramma oħra. Grech kien qal li d-droga xtraha mingħand Portelli.
Ftit ġimgħat wara, il-Pulizija għamlet tfittxija f’dar oħra, din id-darba fil-Fontana, li tappartjeni lil Christopher Bartolo. Hawn instabu sitt blokki tal-kannabis b’piż ta’ madwar 168 gramma. Bartolo wkoll qal li d-droga xtraha mingħand Portelli.
Għalkemm fid-dar ta’ Portelli nstabu biss inqas minn seba’ grammi, il-Pulizija kienet ressqitu b’akkużi ta’ traffikar, ibbażati fuq l-istqarrijiet li kienu għamlu Grech u Bartolo.
Ta’ min ifakkar li, f’dak iż-żmien, il-pussess ta’ kwalunkwe ammont ta’ kannabis kien illegali. Il-liġi nbidlet fl-2021 biex tippermetti l-pussess sa seba’ grammi.