Il-Ħamis filgħaxija argument bejn żewġt irġiel fil-Marsa wassal għall-ewwel omiċidju tas-sena. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-22:00 fi Triq il-Ġerrejja.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei li beda jagħti CPR lill-vittma madankollu r-raġel ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-minuti wara l-wasla tiegħu fl-Isptar Mater Dei.
Minn informazzjoni miksuba minn fuq il-post tar-reat, ONE News jista’ jikkonferma li r-raġel inqatel permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina. Xhieda linraw il-każ allegatament identifikaw lill-aggressur u immedjatament skattat tfittxija mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.
Fuq ix-xena tar-reat waslu l-investigaturi mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tal-Omiċidji mmexxija mill-Assistent Kummissarju Sandro Gatt u s-Supretendent Keith Arnaud flimkien mal-Ispetturi Wayne Camilleri u Kurt Zahra. Huma bdew ikellmu lix-xhieda kif ukoll permezz tal-assistenza tal-esperti forensiċi ddokumentaw ix-xena tar-reat.
F’filmati miġbuda minn ONE News l-esperti forensiċi dehru wkoll jelevaw kampjuni minnn għadira demm li tħalliet mill-vittma.
Fuq il-post bdiet ukoll tfittxija għall-arma li ntużat fil-qtil madankollu din it-tfittxija rriżultat fin-negattiv.