L-istorja hija dwar tlett tfajliet li minħabba xi raġuni jew oħra ma jistgħux igawdu l-Milied.
Il-kittieb tar-radju dramm Daniel Falzon Mallia, qal li r-radju dramm jiftakar f’dawk il-persuni li minħabba xi raġuni jew oħra ma jistgħux igawdu dan iż-żmien ta’ festi.
“Hemm karattru ta’ tfajla li tispiċċa f’ ‘wheelchair’.”
Iżda f’dan ir-radju dramm, kif jixhed l-isem tiegħu, fit-23 ta’ Diċembru se jsir miraklu u dawn it-tlett tfajliet se jkunu jistgħu jgawdu l-festa tal-Milied.
“Ridna nwasslu l-messaġġ li jigri x’ jigri fil-ħajja dejjem se jkun hemm raġġ ta’ tama.”
Fir-radju dramm se jipparteċipaw 22 attur ewlenin f’pajjiżna fosthom Marthese Mangion, Bernice Camilleri, Ivan u Simone DeBattista u Louise Doneo.
“Hija diffiċli għalija li naċċetta li binti qiegħda f’’wheelchair’. Kont dejjem ngħidilha biex ma tirkibx ma’ min hu xurban.”
Ir-radju dramm 2312, li huwa twil nofs siegħa kull episodju, se jibda jinstema minn nhar it-Tnejn 17 ta’ Diċembru sat-23 ta’ Diċembru.
Minn nhar it-Tnejn sal-Ħamis ir-radju dramm fuq One Radio se jinstema fis-siegħa u kwart ta’ wara nofsinhar. Filwaqt li mill-ġimgħa sal-Ħadd se jinstema fis-sagħtejn u kwart ta’ waranofsinhar.
Filwaqt li f’Jum il-Milied se jinstema ir-radju dramm kollu.
Ir-radju dramm qed jittella’ ukoll taħt il-produzzjoni ta’ Joseph Bondin.