Radju 15 ta’ Awwissu fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Santa Marija tal-Qrendi, ser jorganizza l-attività Il-Milied fil-Pjazza b’risq id-Dar tal-Providenza, nhar il-Ħadd li ġej 22 ta’ Diċembru 2019. Din l-attività tibda fid-9:00 a.m. fil-pjazza prinċipali tal-Qrendi quddiem il-Knisja Parrokjali.
Waqt din l-attività ser ikun hemm wirja ta’ vetturi mill-korp tal-pulizija kif ukoll mis-sezzjoni tal-klieb. Apparti minn hekk ser tkun għaddejja l-Maratona ta’ 63 siegħa ta’ xandir diretta minn ġewwa il-pjazza stess, li l-għan tagħha hu li nkomplu niġbru aktar fondi b’risq id-Dar tal-Providenza, maratona li se tibqa’ sejra sal-Ħadd stess fl-10:30 ta’ filgħaxija.
Waqt din l-istess attività ser jkun hemm għal bejgħ ukoll ikel tradizzjonali tal-Milied, ħdim taċ-ċombini tradizzjonali u għal dawk li għadhom iridu jixtru r-rigali għat tfal ser ikun hemm minn fejn jagħmlu dan ukoll. Fil-11:00 ta’ filgħodu il-Banda Santa Marija tal-Qrendi fi ħdan l-istess Soċjetà ser ittella’ kunċert kollu b’diski tal-Milied bis-sehem tal-kantanta popolari Nicole Frendo ġol-pjazza stess. Dak il-ħin ukoll jingħaqad magħna Father Christmas fejn ser ikun qiegħed iqassam ir-rigali lil dawk it-tfal preżenti.
Il-Milied fil-Pjazza hija attività għall-familja kollha b’għan nobli, li niġbru aktar fondi b’risq id-Dar tal-Providenza, li tant tagħmel ġid matul is-sena kollha. Min hawnhekk nixtiequ nirringrazzjaw lir-Reġjun Nofsinhar u lill-Kunsill Lokali tal-Qrendi għall-għajnuna tagħhom sabiex intellgħu din l-attività.
Parkeġġ mhux problema.