Il-gazzetta KullĦadd żvelat li bejn l-2000 u l-2006, taħt Gvern Nazzjonalista kien għaddej racket kbir fl-għoti tal-Pensjoni għall-Invalidità.
F’dan l-artiklu ġie rrapportat li dak iż-żmien kien sar rapport lill-Pulizija dwar dawn l-abbużi, li fihom kienu involuti ħaddiema fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, iżda kull investigazzjoni kienet twaqqfet wara intervent politiku.
F’dan il-perjodu kien hemm medja ta’ 540 persuna kull sena – li kienu qed jiddikjaraw li ma jistgħux jibqgħu jaħdmu u allura applikaw għall-Pensjoni tal-Invalidità. B’ħafna minnhom lanqas biss kienu jagħmlu test quddiem bord mediku u minflok kienu jiġu pprovduti b’kollox lest iffalsifikat.
Fl-2022 kien hemm ftit inqas minn 3,000 persuna fuq il-Pensjoni tal-Invalidità, jiġifieri terz tal-ammont ta’ kważi 9,500, li kienu rreġistrati dik is-sena fi Gvern Nazzjonalista, fl-2006.
Bil-maqlub ta’ dak li qed isir illum, ma ttieħdu l-ebda passi fil-każi ta’ korruzzjoni taħt Gvern Nazzjonalista, minkejja li dawn ġew irrapportati lill-Pulizija dak iż-żmien, inklużi ismijiet ta’ persuni li kienu fiċ-ċirku.
Jirriżulta li dak iż-żmien kien sar intervent politiku biex il-każ jitmewwet u fil-fatt mhux magħruf li qatt inħarġu akkużi kontra xi ħadd.
Fis-snin ta’ wara, sa tmiem il-leġiżlatura ta’ GonziPN, l-ammont ta’ benefiċjarji fuq il-Pensjoni tal-Invalidità tnaqqsu bi kważi nofs l-ammont tal-2006, meta kien laħaq rekord ta’ persuni ddikjarati li “ma setgħux jaħdmu”.
Lawrence Gonzi kien il-Ministru għall-Politika Soċjali meta jirriżulta li beda dan ir-racket qawwi u kompla taħt is-suċċessura tiegħu Dolores Cristina, waqt li hu kien sar Prim Ministru wara l-Elezzjoni tal-2003.
Il-KullĦadd innutat ukoll li fl-aħħar xhur reġa’ tfaċċa fl-arena politika biex jimbotta l-aġenda tal-establishment u jpatti għad-dgħufija tal-Kap attwali Bernard Grech.
F’perjodu ta’ tnax-il sena, bejn is-sena 2000 sal-2012, sa meta s-sitwazzjoni ġiet lura għan-norma, il-pajjiż kellu joħroġ xejn inqas minn €80 miljun żejda. Dan meta l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet imwera, bil-Kummissjoni Ewropea kklassifikat l-ekonomija Maltija f’excessive deficit procedure.