Il-Ħadd beda l-logħob tad-dixxiplina sportiva tal-Bowling tal-Ispecial Olympics.
Fl-Eden Super Bowl f’San Ġiljan, crew ta’ ONE News iltaqa’ ma’ żewġ atleti b’abbiltajiet differenti li qed jieħdu sehem u li t-tnejn li huma sabu refuġju fil-bowling.
Rachel Chricop, tfalja ta’ għoxrin sena, qasmet l-istorja tagħha u qalet li l-Ispecial Olympics tawha skop ġdid f’ħajjitha.
Qalet, “Mela jien iddeċidejt li mmur Special Olympics għax bil-kundizzjoni Special Olympics jgħinuk essaċ jgħinuk kif tieħu ħsieb lilek innifsek, jgħinuk biex tkun kunfidenti bik innifsek u jiena kont għaddejja minn naqra diffikultà biex nikkomunika man-nies allura x’ħin qaluli ta’ Special Olympics għidt ħa nipprova u bilmod il-mod ħassejt kunfidenti. Sirt inkun indipendenti, sirt nitkellem ħafna ma’ nies, ma sirtx nibża’.”
Mark Serge, atleta ieħor li kien preżenti għal-logħob tal-bowling, tenna li din l-esperjenza ġiet b’kumbinazzjoni, u mindu beda jipprattika l-bowling, qatt ma ħares lura.
Qal, “Special Olympics kont it-training u ġiet id-director tiegħi Anna Calleja u ratni u qalet ejja ndaħħlu lil dan għax dan tajjeb u mal-ewwel ħadt pjaċir għax jien inħobb it-tfal li għandhom diżabilità biex ngħinhom ukoll u wara ftit żmien sirt coach tagħhom u sirt assistant coach u dik l-istorja tiegħi.”
Il-logħob issokta wara li s-Sibt filgħaxija, saret iċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali tal-Ispecial Olympics Malta, li matulha l-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela qalet li l-missjoni ta’ dawn l-atleti f’pajjiżna hija li juru kif l-isport jista’ jressaq lin-nies aktar flimkien.