Raġel ta’ 43 sena li joqgħod ir-Rabat jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’San Pawl il-Baħar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-siegħa ta’ dalgħodu fi Triq Burmarrad.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel, li kien qed isuq mutur tal-għamla Yamaha, direzzjoni lejn il-Mosta, meta għal xi raġuni ħabat f’bankina.
Pulizija li kienu għaddejin fuq ronda fl-istess lokalità, sejħu għall-assistenza medika u taw l-ewwel għajnuna flimkien ma’ xi persuni li kienu fuq il-post tal-inċident.
Ftit tal-ħin wara tim mediku kien fuq il-post. Ir-raġel ittieħed l-isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Bil-każ kien infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.