Rabti ta’ dsatax-il sena inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli bi traffikar ta’ tlett kili droga kannabis. Il-Pulizija spjegat li fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa daħal rapport fejn kienet mitluba tintervjeni waqt argument li beda jinstema’ ġej minn residenza fejn kien hem iż-żagħżugħ.
Intqal li l-argument kien dwar droga u fid-dar instabu żewġ joints iżda barra d-dar instabu tlett sapuniet raża tal-kannabis. Minkejja li l-akkużat wieġeb mhux ħati, fil-Qorti il-pulizija qalet li l-imputat saħaq magħha li d-droga kienet tiegħu.
Fid-dawl li allegatament id-droga instabet li ma kinitx għall-użu esklussiv tar-Rabti, il-Qorti żammitu taħt arrest preventiv. Fuq talba tad-difiża huwa intbagħat fit-taqsima forensika fl-isptar Monte Karmeli wara li ntqal li ż-żagħżugħ ibati minn disturbi emozzjonali, bil-prosekuzzjoni ma ssibx oġġezzjoni.