Waqt il-protesta organizzata l-Ħadd fil-Belt Valletta, ta’ Repubblika ssoktaw bl-attakki tagħhom kontra l-Gvern u l-istituzzjonijiet, għalkemm jirriżulta li rabja moħbija kienet dik għall-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li ġiet attribwita lilu l-attendenza fqira li kien hemm.
Dan anke jekk Repubblika stess kienet ilha tirreklama l-attività għal numru ta’ jiem, flimkien mal-appelli kontinwi li saru minn esponenti Nazzjonalisti bil-kitbiet tagħhom fil-ġurnali.
ONE News jinsab informat li t-tmexxija ta’ Repubblika ppretendiet li Bernard Grech jimmobilizza ħafna aktar nies għall-protesta. Iżda mhux talli dan ma seħħx, talli l-Partit Nazzjonalista kien prattikament assenti fl-attività suppost tal-massa.
L-istess rabja bdiet proprju xahar ilu meta Grech iffaċċja l-istess akkużi fuq attività oħra quddiem il-binja tal-Qorti minn Repubblika. Dakinhar il-Partit Nazzjonalista wkoll m’għamel l-ebda sforz biex aktar nies jattendu meta l-kelliem ewlieni ma kien ħadd ħlief l-eks Kap Simon Busuttil.
ONE News informat li ta’ Repubblika saħansitra ilmentaw li l-midja tal-Partit Nazzjonalista ma tat l-ebda prominenza lid-diskors ta’ Busuttil fir-ritorn politiku tiegħu.
Tali kritika ma niżlet xejn tajjeb mat-tmexxija Nazzjonalista, b’dawk l-aktar qrib Grech qed jisħqu li qed iħossu li mhumiex iżjed minn ‘pressure group’, bħal Occupy Justice jew Momentum.
Sadanittant, fl-attività, il-President ta’ Repubblika, Vicki Ann Cremona, f’diskors mimli għajjat infexxet f’attakki kontra l-Prim Ministru Robert Abela u kif se jiġġieldulu b’kull mezz.
“Prim Ministru, Robert Abela, din li tkompli tigdeb u tittratta lill-Maltin u Għawdxin ta’ ċwieċ, ma nifilħuhiex... Aħna mhux se naċċetawhom u se niġġieldulek b’kull mezz li għandna biex inwaqqfuk… Se ssibna xewka f’ġenbek tul il-ġirja anti-demokkratika tiegħek.”
Vicky Ann Cremona
Dan waqt li qalet li l-Prim Ministru hu tifel żgħir.
“Għax l-irġulija mhux mill-bodybuilding inġibuha ta, imma billi nkunu ġusti, onesti u integri fl-għemil u x-xogħol tagħna.”
Vicky Ann Cremona
Tkellem ukoll l-eks Deputat Nazzjonalista u esponent tal-establishment Nazzjonalista, Jason Azzopardi, li ħareġ jattakka lill-Avukat Ġenerali kif ukoll lill-Pulizija, waqt li qal li l-qarnita mafjuża ħakmet lill-Gvern.
L-istess Azzopardi nqabad jabbuża mis-sistema tal-inkjesti maġisterjali u, b’sempliċi għajdut, tefa’ t-tajn biex kisser il-persuni fil-mira tiegħu.
Bl-attakki kompla Manuel Delia, l-eks Chief of Staff t’Austin Gatt u l-moħħ wara d-diżastru tal-Arriva.
Minkejja li jilagħbha tad-difensur tas-saltna tad-dritt, qal li mhux il-maġistrati kollha l-istess. Dan għax l-għaqda Repubblika mhux dejjem rebħet il-kawżi.
“Hemm ukoll ta, maġistrati tajbin u inqas tajbin, maġistrati li jaħdmu u maġistrati li jaħdmu inqas.”
Manuel Delia
Fl-istess waqt, hu rringrazja lil Simon Busuttil u esponenti oħrajn tal-establishment u qal li d-demokrazija f’pajjiżna għaddejja minn funeral.
“Grazzi lil Simon Busuttil u David Casa... Grazzi lil Jason Azzopardi.”
Manuel Delia