https://www.youtube.com/watch?time_continue=1873&v=NS2v2rec0J8
Xandira tal-programm Overcomers’ Chapel fuq l-istazzjon F Living wasslet biex grupp ta’ nisa Maltin fuq Facebook se jressqu protest formali lill-Awtorità tax-Xandir dwar sessiżmu.
Waqt il-programm imsemmi, li jiġi mtella’ kull nhar ta’ Sibt, kien hemm mistieden il-‘pastor’ tal-komunità pentekostali Destiny International Christian Assembly, li fost l-oħrajn saħaq fuq dak li skontu jagħmel “żwieġ tajjeb”.
Fost l-oħrajn l-‘pastor’ semma kif tfal li jkunu mwielda barra minn żwieġ skontu “m’humiex mwielda fir-rieda ta’ Alla.” Huwa kompla jgħid li “dawk kollha li huma Kristjani u m’humiex miżżewġa qed jagħmlu dnub”, dan sabiex “ma jagħmlux dnubijiet sesswali”.
Il-preżentatriċi tal-programm mbagħad kompliet tgħid li l-att sesswali huwa bżonn għar-raġel aktar milli hu għal mara, dan filwaqt li saħqet iżda li “l-mara għandha tkun hemm għal żewġha.” Temmet tgħid li jekk il-mara tagħmel dan, tkun qed tippreserva l-“purità” fiż-żwieġ.
Fuq il-paġna ‘Women for Women’ fuq Facebook, kienu bosta n-nisa li wasslu l-opinjonjiet ta’ stmerrija tagħhom lejn dawn il-messaġġi li jagħmlu l-mara tidher bħallikieku kienet f’xi “dmir” lejn is-sess maskili. Dan wassal biex saret talba uffiċjali lill-Awtorita’ tax-Xandir f’pajjiżna sabiex jiġu evalwati dawn il-kummenti u tittieħed azzjoni mill-aktar fis, sabiex jiġi evitat li jingħata messaġġ ħażin lis-soċjeta’, speċjalment “fi żmien li qed naraw rata ta’ każi ta’ vjolenza domestika tiżdied b’mod disturbanti”.
ONE news tkellem mal-President tal-FŻL Naomi Cachia, li esprimiet id-diżappunt u “ir-rabja iktar minn kollox, li kontenut ta’ din il-kwalita’ miżera qed jintwera’ f’wieħed mill-istazzjonijiet Maltin”.
“Il-klipp fih ħafna ġeneralizzazzjonijiet li allaħares tkun qed tismahom persuna vulnerabbli għaliex forsi toħodhom bis-serjeta’”, qalet Cachia.
Hija rrimarkat ukoll li dan id-diskors jinsa realtajiet li għalkemm mhumiex imsemmija spiss, jeżistu, u huwa importanti li jissemmew, bħal każijiet ta’ ‘rape’ fiż-żwieġ, “li ma titnaqqasx il-gravita’ tagħhom minħabba l-fatt li jkunu miżżewġin”.
Fl-aħħar kummenti tagħha Cachia sostniet li “jekk xejn dan l-inċident serva biex tibda diskussjoni fuq l-kwalita’ tax-xandir f’Malta, u naraw li dan it-tip ta’ brainwashing ma jasalx fid-djar tagħna.”