L-Awstraljani rreaġixxew b’rabja kbira għall-aħbar li l-plejer tat-tennis, Novak Djokovic, se jitħalla jilgħab fl-Australian Open wara li ġie eżentat milli jieħu l-vaċċin kontra l-Coronavirus.
Il-plejers kollha u anki l-ħaddiema f’dan it-turnew iridu jkunu mlaqqma kontra l-Covid-19 jew ikollhom eżenzjoni minn bord indipendenti ta’ esperti biex jitħallew jieħdu sehem.
L-organizzaturi qalu li Djokovic ma ngħata l-ebda trattament speċjali.
Iżda l-Awstraljani, li wħud minnhom lanqas biss jistgħu jivvjaġġaw fl-Awstralja stess, ħarġu jikkritikaw lill-uffiċjali, politiċi u anki lil Djokovic innifsu.
Il-Kap tat-turnew, Craig Tiley qal li sitta u għoxrin atleta applikaw biex ikun eżentati milli jieħdu l-vaċċin u diversi minn dawn it-talbiet intlaqgħu taħt linji gwidi minn regolaturi apposta.
It-turnew jibda f’Melbourne fis-sbatax ta’ Jannar u Djokovic kiteb li jinsab lest għall-kompetizzjoni. Aktar kmieni din is-sena, huwa pubblikament oppona għall-vaċċinazzjoni u qal li ma jridx ikun sfurzat biex jitlaqqam biex ikun jista’ jivvjaġġa.
Id-deċiżjoni li jkun eżentat hija kontroversjali mmens meta wieħed jikkunsidra li fl-Awstralja hemm fost l-iktar miżuri stretti fid-dinja b’rabta mal-ivvjaġġar.
Ħafna akkużaw lill-Gvern li jħalli lis-sinjuri u nies famużi jagħmlu li jridu filwaqt li nies ordinarji jibqgħu jiġu mċaħħda minn dawk l-aktar għeżież għalihom.