Fost attivisti tal-Partit Nazzjonalista hemm rabja kbira għal Therese Commodini Cachia wara li din iddeċidiet li ma tieħux is-siġġu fil-parlament Malti biex tibqa’ fil-parlament ewropew fi brussell.
Dan għamlitu wara ġimgħat tikkampanja biex l-elettorat tar-raba’ u t-tmien distrett jeleġġiha fil-parlament kif fl-aħħar mill-aħħar għamel dak tat-tmien distrett.
Minflokha, issa x’aktarx se jkun qed imur fil-parlament Malti David Thake.
Il-kritika mhix biss lejn Commodini Cachia iżda wkoll lejn dawk ta’ madwar il-Kap, Simon Busuttil, li lil Therese Commodini Cachia fdawha iktar milli fdaw persuni oħra. Fosthom billi Simon Busuttil innifsu qabbadha tikteb il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista li spiċċa kien ippubblikat tard. Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalu li diġa’ kienet teżisti rabja għal Commodini Cachia minħabba dan iżda d-deċiżjoni li titradixxi fi ftit sigħat il-fiduċja tal-elettorat kompliet tagħmel l-affarijiet agħar.
B’differenza minn drabi oħra id-dwejjaq għal din id-deċiżjoni sar ukoll pubbliku, b’uħud jgħidu li Commodini Cachia abbandunat il-partit f’mument diffiċli. L-eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Paul Borg Olivier, iddeskriva d-deċiżjoni ta’ Commodini Cachia bħala insult lejn l-elettorat.
Kitbu wkoll persuni li fi gvernijiet nazzjonalisti servew f’ministeri. Bħal Darell Pace li qal li l-aġir tagħha huwa tal-mistħija. Iddeskriviha bħala opportunista u bla skrupli u tenna li jekk terġa’ tkun fuq il-polza tal-vot tiegħu jippreferi jivvota lil Zaren tal-ajkla.
Bħalu kiteb Gordon Pace li qal l-ewwel preferenza waħda jkun hemm u bid-deċiżjoni tagħha Commodini Cachia uriet nuqqas ta’ rispett.
Partitajrji Nazzjonalsiti użaw is-sit ta’ Net News biex jgħidu tagħhom u staqsew għaliex ħarġet, ladarba kienet se tgħamel hekk u akkużawha li ħasbet għal butha u mhux għall-Partit, f’dan il-mument diffiċli.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali sostnew li din id-deċiżjoni u r-reazzjoni għaliha jikkonfermaw il-konfużjoni fil-partit nazzjonalista. Konfużjoni li kienet hemm qabel l-elezzjoni ġenerali u qed tkompli toħroġ iktar fid-deher.