Sentenza tal-Qorti li ngħatat f’Singapore ħolqot polemika sħiħa u rabja fost iċ-ċittadini. Dan wara li Joshua Robinson li nstab ħati li għamel att sesswali ma’ żewġ tfajliet taħt l-età ingħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs. Kienu bosta l-kummenti ta’ rabja fost il-pubbliku, hekk kif fi kliemhom l-akkużat kellhu jeħel aktar snin il-ħabs.
L-akkużat instab ħati ukoll li ħa filmati tal-abbuż. Fir-residenza ta’ Joshua Robinson, il-Pulizija sabet ukoll materjal pornografiku llegali flimkien ma’ 321 filmat ta’ kontenut pornografiku ta’ tfal.
Dwar dan il-każ, qed iddur petizzjoni li ssejjaħ is-sentenza bħala waħda “intollerabbli.” F’Singapore, persuna li tinstab ħatja li għamlet atti sesswali ma’ tfal taħt l-età filfatt tista’ teħel sa għaxar snin ħabs għal kull każ u tiġi immultata.
Iżda l-Erbgħa, l-Prosekutur qal li mhux se jkun qed jappella s-sentenza hekk kif iż-żewġ tfajliet ta’ ħmistax-il sena taw il-kunsens tagħhom għall-atti sesswali u għalhekk fi kliemu s-sentenza kienet waħda ġusta.