Fid-Dar Ċentrali hemm rabja kbira wara l-Kunsill Ġenerali ta’ nhar il-Ħadd.
Dan għax Kunsill Ġenerali li kellu jibgħat messaġġ ta’ “Tama u Fiduċja” spiċċa kien Kunsill Ġenerali ddominat mill-firda fil-Partit Nazzjonalista: kulħadd jappella għall-għaqda, għax jafu li ma teżistix
“Għandna dmir li ningħaqdu, li niġbdu ħabel wieħed” – Toni Bezzina
Il-fazzjonijiet differenti li jeżistu fil-Partit Nazzjonalista lkoll kemm huma ħadu ħsieb li jgħaddu l-messaġġi tagħhom, ħafna drabi sottili, imma li fejn għandhom jinftiehmu, jinftiehmu.
Dan wara li fit-Times of Malta ġiet ippubblikata storja, imbuttata ’l quddiem minn dawk li riedu jqajmu dibattitu dwar it-tmexxija fil-Partit Nazzjonalista.
Dan il-fatt, imbagħad, irrifletta fuq il-burdata fl-istamperija, fejn lil hinn mill-attakki fuq kull ma jagħmel il-gvern Laburista, reġgħu ddominaw id-diskorsi dwar il-firda fil-Partit Nazzjonalista.
Dan kien il-każ mhux l-inqas mill Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione.
“Hemm ħafna iktar xi jsir, kieku mhux għax ħafna drabi nispiċċaw inħarsu ’l ġewwa fuq xi kwistjoni ta’ bejnietna, u mhux ’il barra.”
Filwaqt li qal hekk, xorta waħda ma qgħadx lura milli jfakkar li lilu wkoll għaddewh minn martirju.
“Ngħid hekk, imma kieku kellni ngħidilkom fuq li għaddejt minnu jien, kieku nżommkom hawn sa għada filgħodu. Imma jien nemmen fil-prattika, li ħadd m’hu ikbar mill-Partit”
Tul id-diskussjoni saru twissijiet biex l-attivisti ma jimpressjonawx ruħhom mis-surveys. Fi kliem Mary Ann Lauri, il-president tar-riċerka tal-PN:
“Se ngħid naqra fuq dawn is-surveys. Jien il-president tar-riċerka politika u ma nistax ma nsemmihomx. Meta taqraw dawk l-imberking surveys, aqrawhom b’dan f’moħħkom: li hemm margin of error ta’ plus or minus three percent. Ejja nkunu bil-għaqal.“
Skont Stefan Caruana, li se jsib postu fl-amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista wara riżenja oħra fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista għandu jingħaqad biex jagħti rigal lil Eddie Fenech Adami.
“Jekk verament irridu nagħtuh rigal lil Dr Fenech Adami, ejja ningħaqdu bejnietna. Ejja ninsew l-imgħoddi tagħna. Aħna m’aħniex la ta’ Ċikku u lanqas ta’ Peppi.“
Quddiem il-firda u l-inkwiet fil-Partit Nazzjonalista, id-deputat Nazzjonalista tal-Parlament Ewropew David Casa attakka l-Gvern u faħħar biss lill-Partit Nazzjonalista.