Raġel mgħammad li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa daħal jisraq f’dar ta’ anzjana ta’ ħamsa u sebgħin sena li tinsab fi Triq Ċensu Tabone f’San Ġiljan.
Fi stqarrija l-Korp tal-Pulizija qal li r-raġel daħal fid-dar tal-anzjana għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar, rabatha u beda jqalleb fid-dar.
L-allegat aggressur ħarab minn fuq il-post wara li seraq ammont ta’ ġojjelli u muniti.
B’xorti tajba l-mara ma sofrietx ġrieħi.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett flimkien mal-Iskwadra ta’ kontra r-Reati Vjolenti fi ħdan id-Dipartiment tar-Reati Maġġuri għadhom għaddejjin.