Ir-regolatur nazzjonali tal-ilma fir-Renju Unit, l-Ofwat, iddikjara li l-kontijiet tal-ilma fl-Ingilterra u Wales, fil-ħames snin li ġejjin, se jiżdiedu b’rata medja ta’ sitta u tletin fil-mija, jiġifieri b’madwar 31 lira sterlina kull sena.
Dan hu ferm ogħla minn dak li l-istess regolatur kien ħabbar f’Lulju li għadda fejn kien qal li, sal-2030, il-kontijiet kellhom jogħlew b’medja ta’ wieħed u għoxrin fil-mija. Dan waqt li, min-naħa tagħhom, il-kumpaniji tal-ilma kienu qed jitolbu għal żieda medja ta’ erbgħin fil-mija.
Din l-aħbar taż-żieda fil-kontijiet se tkun daqqa ta’ ħarta oħra għall-konsumatur Britanniku, li ma kinitx lanqas l-unika waħda kerha għal dan iż-żmien festiv.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Ofwat qal li jirrikonoxxu li, għal ħafna, dan se jkun perjodu diffiċli li se jkunu qed jesperjenzaw ċerti klijenti u, għalhekk, ħeġġeġ lill-kumpaniji biex joffru skemi ta’ għajnuna lil dawk il-familji li ma jifilħux iħallsu.
Sadanittant, fl-istess ħin, l-affarijiet ukoll mhumiex sbieħ għall-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, hekk kif il-ġurnal Corriere della Sera rrapporta li l-but tal-Taljani mistenni jerġa’ jaqla’ daqqa oħra fis-sena l-ġdida, b’żieda ta’ tletin fil-mija fil-kontijiet tal-enerġija.
L-aħbar ħarġet wara analiżi li saret mill-kumpanija privata ta’ tqabbil tal-prezzijiet Facile.it. Dan attribwitu primarjament għaż-żieda fil-prezz tal-materja prima.
Il-kalkoli jantiċipaw li familja tipika, b’konsum tad-dawl u l-gass normali, se jkunu qed jiffaċċjaw żieda ta’ €272 fis-sena.
Dan minbarra żidiet oħrajn fil-pajjiż, li qed jiffaċċja sfidi kbar finanzjarji.
Sitwazzjoni ferm differenti minn dik li qed jesperjenzaw il-konsumaturi f’pajjiżna fejn il-Gvern mill-ġdid qed jassigura li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-gass u l-fuels jibqgħu stabbli għal sena oħra, waqt li l-finanzi nazzjonali wkoll jinsabu taħt kontroll.
Dan waqt li, f’pajjiżna, ukoll qed jingħataw l-akbar għadd ta’ benefiċċji u miżuri favur il-familji. Pereżempju, iż-żieda li l-pensjonanti qed igawdu f’Malta u Għawdex tikkwantifika għal erba’ darbiet iżjed minn dik fl-Italja. Fil-fatt fil-baġit għas-sena d-dieħla tal-Prim Ministru Georgia Meloni, il-pensjonanti Taljani ġew allokati biss €8 fix-xahar.