Il-kantant Amerikan R Kelly instab ħati li uża l-istatus tiegħu bħala ċelebrità sabiex jabbuża sesswalment nisa u tfal fi skema li damet għaddejja fuq għoxrin sena.
Il-ġurati damu jumejn jiddeliberaw biex ħarġu l-verdett li Kelly hu ħati tad-disa’ akkużi miġjuba kontrih.
Kien hemm 11-il persuna, disa’ nisa u żewġt irġiel li xhedu dwar l-atti sesswali u l-vjolenza li esperjenzaw minn R Kelly.
Il-kantant Amerikan, li huwa l-aktar popolari għall-kanzunetta I Believe I Can Fly, instab ħati wkoll li ttraffika nisa bejn stati differenti fl-Amerika.
Matul il-proċess tas-smigħ, il-prosekuturi qalu li managers, ħaddiema tas-sigurtà u persuni oħra qrib il-kantant kienu għenuh biex iħaddem din l-iskema moqżieża.