L-istennija ta’ tarbija huwa wieħed mill-isbaħ żmien li koppja tgħaddi minnu, bl-omm tkun qed tistenna dak il-mument li wara l-ħlas tħaddan lit-tarbija magħha.
U jekk bħalissa ninsabu fi żmien ta’ sfida u kellhom jittieħdu deċiżjonijiet biex tiġi mħarsa saħħet l-omm u t-tarbija, żdied is-sapport tal-ħaddiema tas-saħħa li jkunu f’kuntatt dirett mal-omm waqt it-tqala.
ONE News tkellem ma’ Claire Zerafa, qabla li tispeċjalizza fis-saħħa mentali tan-nisa tqal, fejn spjegatilna illi dan il-perjodu l-ommijiet qed ikunu pożittivi minkejja li jkollhom xi ħsibijiet dwar il-COVID-19.
Zerafa qalet, “Mill-feedback li jgħidulna, l-ommijiet qegħdin ikunu ħafna pożittivi fuqha din, għax jgħidu aktar bżajt milli vera esperjenzajt esperjenza ħażina.”
Il-qabla semmiet illi ħafna mill-biża’ qed tiġi maħluqa minn paniku żejjed fuq il-midja soċjali.
Stqarret, “Isaqsi grupp u grupp ieħor għax ma tantx qed jagħmlu ġid għall-ommijiet tagħna. Aħjar jekk inti tħossok ma tantx inti tajba taqbad u ċċempel lilna.”
F’dan il-mument ta’ sfida l-qwiebel qed ikunu ta’ sapport doppju għall-ommijiet . Claire Zerafa għaddiet messaġġ ta’ kuraġġ għan-nisa li bħalissa qed jistennew tarbija filwaqt li sostniet illi l-koppji għandhom dejjem jattendu għall-visti tat-tabib.
“Il-midwives qegħdin jagħmlu xogħol impekkabbli, qed jgħaddu ħafna ħin mal-mothers u qed jagħtu l-aktar li jistgħu magħhom.” Temmet tgħid Zerafa.