Ir-Reġjun Nofsinhar se jkun qed jorganizza quizzes b’mod varjat li se jkunu qegħdin jinkludu wkoll attivitajiet sportivi kif ukoll treasure hunts għat-tfal fl-iskejjel primarji, football nurseries u scouts groups li jaqgħu fi ħdan l-istess reġjun. Dawn il-quizzes se jkunu jittrattaw il-kultura, l-istorja, it-tradizzjonijiet u postijiet popolari u ta’ interess ġewwa pajjiżna. Fl-ewwel fażi tal-quizzes se jkun l-istudenti bejniethom li jikkompetu u li eventwalment se jilħqu l-qofol tagħhom, meta jikkompetu l-iskejjel bejniethom.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli fejn tenniet li l-iskop ewlieni ta’ dawn l-attivitajiet huma li t-tfal isiru aktar konxji tal-wirt u t-tradizzjonijiet fil-lokalitajiet, u kif ukoll tiżdied is-sens ta’ kburija bil-lokalità tagħhom u pajjiżhom.
“Huwa ta’ sodisfazzjon kif dan ir-reġjun qed jara li jwassal l-edukazzjoni u l-kultura fost it-tfal b’modi differenti u li jagħtuhom pjaċir. L-istorja u l-kultura huma parti integrali minn dak li jsawwarna u huwa ferm importanti li sa minn età żgħira t-tfal ikunu esposti għal dan it-tagħlim. Bħala Gvern se nkomplu ninċentivaw u nippromwovu attivitajiet bħal dawn,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.
Min-naħa tiegħu, il-President tar-Reġjun, Jesmond Aquilina stqarr li r-reġjun hu mogħni bi storja u semma kif inħasset il-ħtieġa li din tkompli tiġi esposta għall-ġenerazzjonijiet li telgħin. Għaldaqstant, fasslu dan il-proġett sabiex jiżdied l-għarfien speċjalment minn età bikrija. Kompla li permezz ta’ dan it-tfal se jkunu jistgħu japprezzaw aktar dak kollu li huma mdawrin bih.
