Quddiesa tat-tfal iddawret f’kampanja kontra l-emendi proposti u li qed jiġu diskussi fil-Parlament.
Ħafna kienu xxukkjati b’dak li seħħ fl-aħħar jiem fil-Knisja tax-Xewkija, Għawdex, hekk kif il-qassis Joseph Bajada, qal lil grupp ta’ tfal li kellu quddiemu, li bis-servizz tal-IVF, il-Gvern se jkun qed joqtol lit-trabi Maltin u Għawdxin.
Sostna li “Permezz ta’ din il-liġi, li għaddeja f’Malta bħalissa, x’se jiġri? Jekk tgħaddi, ħafna babies Maltin u Għawdxin se jispiċċaw jew jinqatlu, jew isiru oġġett, li tista’ tixtrihom, tista’ tpartathom.”
Wara li rrakkonta l-ġrajjiet mill-Bibbja, l-qassis qal li hemm min ma jistax ikollu ulied, iżda hemm mod u mod kif tgħix din ir-realtà iebsa. Minkejja dan, ma tantx deher li għandu kompassjoni għal dawk li jagħżlu jippruvaw jibnu familja u jsibu diffikulta.
Spjega li “Ma jistax ikun, trabi mnissla f’laboratorju.. ma nistgħux nirreduċu din il-ħaġa bħala xi ħaġa politika.. il-ħajja mhix Nazzjonalista, jew Laburista, jew ma nafx x’partiti għandna.”Għadd ta’ ġenituri għamlu kuntatt ma’ ONE News, fejn qalu li baqgħu ixxukkjati b’dak li semgħu lil uliedhom jirrakontaw meta waslu lura d-dar mill-quddiesa.
Dan iktar u iktar meta skoprew li fl-aħħar tal-omelija, l-qassis ħareġ karta, u beda jġiegħel lit-tfal jiffirmaw, bil-għan li imbagħad jibgħat il-karta lill-Ispeaker tal-Parlament. Saħansitra wiegħed rigal lil dawk li jiffirmaw.
Bajada qal li “Nixtieqkom li niffirmaw din l-ittra.. din l-Ittra taf lil min se nibgħatuha? Se nibgħatuha lil min jieħu ħsieb il-Parlament.. le mhux lil Joseph Muscat.. lil Anġlu Farrugia.. Dawk li jiffirmaw jistgħu jaqraw hekk – illum bil-firma tiegħi ippruvajt insalva l-ħajja ta’ baby.. u agħtih isem dak il-baby.”
F’temp ta’ ftit sigħat, il-filmati li qed inxandru f’dan is-servizz tħassru minn fuq il-midja soċjali tal-Parroċċa tax-Xewkija, wara l-kritika kbira li qalgħu.
Intant, omeliji f’parroċċi oħra wkoll weġġgħu n-nies għal raġunijiet differenti.
F’Birkirkara, Nicholas Doublet għamel omelija li matulha attakka s-servizz tal-IVF, fejn qal li dan ma jirrispettax id-dinjità tal-bniedem. Dan waqt li ddeskriva lit-tfal ikkonċeputi f’laboratorju, bħala prodott.
Il-kampanja fost it-tfal kompliet ukoll b’emails lill-ġenituri li għandhom uliedhom fi skejjel tal-Knisja, fejn il-ġenituri rċievew talba biex jiffirmaw il-petizzjoni lill-Parlament ta’ ċertu Emanuela Cauchi.