Fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja, illejla, saret quddiesa pontifikali fil-Knisja tal-Mellieħa. Mexxa din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna.
Preżenti kien hemm, fost l-oħrajn, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono u l-Prim Ministru, Robert Abela flimkien ma’ martu Lydia Abela, u deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.

Mal-wasla tagħhom f’Misraħ il-Parroċċa, il-President u l-Prim Ministru spezzjonaw separatament il-gwardja tal-unur.
Kienu bosta persuni li nġabru għal din iċ-ċelebrazzjoni fejn setgħu proprju jsegwu barra l-Knisja kif ukoll jattendu għall-quddiesa.
Intant, iċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali jissuktaw għada filgħodu, f’Jum il-Vitorja, meta titqiegħed kuruna tal-fjuri mill-President ta’ Malta mal-monument tal-Assedju l-Kbir, il-Belt.
