Fl-okkażjoni tal-festa nazzjonali ta’ Jum il-Vitorja, saret quddiesa pontifikali fil-Knisja Kolleġjata ta’ San Lawrenz fil-Birgu. Mexxa ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika l-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna.
Preżenti kien hemm, fost l-oħrajn, l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta, George Vella u l-Prim Ministru, Robert Abela, u deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra.
Mal-wasla tagħhom f’Misraħ ir-Rebħa, il-President u l-Prim Ministru spezzjonaw separatament gwardja tal-unur.
Il-Prim Ministru flimkien ma’ martu Lydia sellmu lin-nies li nġabru fil-pjazza u ħadu bi jdejn xi wħud minhom qabel daħlu fil-knisja.
Intant, iċ-ċelebrazzjonijiet uffiċjali jissuktaw għada, Jum il-Vitorja, meta titqiegħed kuruna tal-fjuri mill-President ta’ Malta mal-monument tal-Assedju l-Kbir, il-Belt.
Se jitqiegħdu wkoll kuruni tal-fjuri mill-Kumitat Festi Nazzjonali mal-qabar tal-vittmi tal-Assedju fil-Forti Sant’Anġlu.
Waranofsinhar, imbagħad, issir ir-regatta tradizzjonali fil-Port il-Kbir.