Dalgħodu fil-kappella taċ-Ċimiterju tal-Addoloarata f’Raħal Ġdid ġiet iċċelebrata quddies b’suffraġju għal-vittmi tas-Sette Giugno tal-1919. Il-Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna mgħejjun mill-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech kif ukoll l-Arċisqof Emeritu Monsinjur Pawlu Cremona iċċelebra l-quddiesa li fakkret il-mitt annversarju mir-rewwixti tas-Sette Giugno, li matulhom mietu erba’ Maltin: Carmelo Abela, Manuel Attard, Ġuzè Bajada u Wenzu Dyer.
Waqt l-Omelija tiegħu l-Arċisqof Scicluna fakkar li dawn ir-rewwixti wasslu għal Kostituzzjoni għal Malta sovrana. Huwa semma kif illum, mitt sena wara, għandna nkunu aħna li nimpenjaw ruħna għal soċjetà aktar ġusta.
Wara li ntemmet il-quddiesa, saret ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fuq il-qabar fejn hemm l-erbgħat eroj midfunin u bid-daqq tal-fanfarra sellmu l-memorja taghħom. Memorja li jgħaddi kemm jgħaddi żmieni tibqa’ dejjem ħajja.